It-tnedija uffiċjali tal-Malta Skills Survey 2022
Fil-5 ta’ Ottubru 2022, l-Uffiċċju Nazzjonali tal-Istatistika nieda uffiċjalment il-Malta Skills Survey, f’attività li saret fil-Gran Salon fil-Mużew Arkeoloġiku fil-Belt Valletta. Il-Ministru għall-Finanzi u l-Impjiegi, l-Onor. Clyde Caruana kien ukoll preżenti.
Minn nhar it-Tnejn li għadda, individwi madwar il-gżejjer Maltin bdew jirċievu ittri li jinfurmawhom li ntgħażlu biex jipparteċipaw fil-Malta Skills Survey.
Il-Malta Skills Survey huwa studju fuq livell nazzjonali li qed isir bejn Ottubru u Diċembru ta’ din is-sena. L-ewwel stħarriġ tax-xorta tiegħu, dan l- eżerċizzju jivvaluta l-ħiliet u l-kwalifiki ta’ Malta fost il-popolazzjoni fl-età tax-xogħol. Huwa se jitfa’ dawl fuq il-profil tal-ħiliet tal-forza tax-xogħol tal-gżejjer Maltin. L-għan ta' dan l-istharriġ huwa li jipproduċi statistika affidabbli msejsa f'data dwar il-ħiliet u l-kompetenzi. Min-naħa tiegħu, dan se jippermetti eżerċizzji ta' profili ta' ħiliet li, wara analiżi bir-reqqa, se jagħtu stampa b'saħħitha ta' kwalunkwe lakuni eżistenti fil-ħiliet fil-forza tax-xogħol nazzjonali. Ir-riżultati minn dan l-istħarriġ se jkunu għodda importanti ħafna għall-iżvilupp tal-politika u għal skopijiet ulterjuri ta’ riċerka.
Total ta’ 130,000 individwu, ta’ bejn il-15 u l-64 sena, u li jgħixu fi djar privati ġew magħżula b’mod każwali biex jipparteċipaw f’dan l-istħarriġ. Dan ifisser li l-kampjun se jkun magħmul minn bejn wieħed u ieħor nofs il-popolazzjoni fl-età tax-xogħol fil-gżejjer Maltin.
Il-kampjun huwa magħmul minn 64,565 raġel u 65,435 mara. Mill-kampjun totali, 103,062 huma ċittadini Maltin filwaqt li 26,938 huma residenti barranin. Il-kriterju ta' eliġibilità għal ċittadini barranin kien ibbażat fuq limitu ta' ħames snin. Fi kliem ieħor, dan l-istħarriġ ikopri biss ċittadini barranin li ilhom jgħixu Malta għal ħames snin jew aktar. Individwi fi ħdan il-grupp ta' età fil-mira li bħalissa jinsabu barra mill-pajjiż bl-intenzjoni li jibqgħu barra minn Malta għal 12-il xahar jew aktar, mhumiex eliġibbli għal dan l-istħarriġ.
Wara s-suċċess tat-tweġibiet online esperjenzati matul iċ-Ċensiment tal-Popolazzjoni u d-Djar 2021, l-NSO kompla fl-isforz tiegħu biex jipprovdi mezzi differenti ta’ parteċipazzjoni anke għal dan il-proġett mal-pajjiż kollu. Dawk li wieġbu jistgħu jagħżlu li jimlew il-kwestjonarju online, jew bit-telefon. Fejn ikun assolutament meħtieġ, se jkun disponibbli wkoll kwestjonarju fuq il-karta. Il-kwestjonarju online jista’ jiġi aċċessat permezz ta' din il-website. Barra minn hekk, tim ta’ 450 intervistatur kien impjegat mill-NSO biex mill-10 ta’ Ottubru jibdew jagħmlu intervisti bit-telefon. Twaqqaf ukoll helpline freephone 1712. Dan se jkun miftuħ mit-Tnejn sal-Ħadd bejn it-8am u t-8pm. Barra minn hekk, paġna ddedikata fuq Facebook hija disponibbli, u din se tiġi aġġornata b’FAQs u materjal ieħor relatat.